Mur għall-kontenut ewlieni
EURES (EURopean Employment Services)
Artiklu tal-aħbarijiet13 Novembru 2020L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni3 min qari

Alessandria ssib xogħol bħala persuna li tindokra fil-Ġermanja

Bis-saħħa ta’ inizjattiva konġunta tal-EURES u ta’ żewġ impjegaturi Ġermaniżi, diversi persuni Ewropej li qed ifittxu impjieg ġew offruti opportunitajiet biex jitħarrġu bħala persuni li jindokraw persuni bi bżonnijiet speċjali fil-Bavarja. Benefiċjarja waħda, Alessandria Grossi, tgħidilna l-istorja tagħha.

Alessandria finds a career as a care worker in Germany
Alessandria Grossi

“Dan kollu beda darba waranofsinhar f’Lulju 2019 waqt li kont fuq il-paġna tal-Facebook tal-EURES u qrajt dwar proġett li kien qed jirrekluta persuni li jindokraw fil-Ġermanja,” tibda Alessandria. “Kont interessata.” Fl-età ta’ 45 sena, Alessandria ma kellhiex xogħol u kellha diffikultà biex issib impjieg ġdid u stabbli. Peress li trabbiet fil-Ġermanja qabel ma marret tgħix l-Italja bħala adoloxxenti, hija kienet lesta li tmur lura l-Ġermanja għal sfida ġdida. Dan il-proġett taha t-tama.

Opportunità ta’ taħriġ fis-settur tal-kura

Alessandria kkuntattjat lill-EURES u inizjalment irċeviet appoġġ minn Rosaria Petrillo tal-EURES Milan. Imbagħad tpoġġiet f’kuntatt mal-Konsulenta tal-EURES Charlotte Glötzner, tas-Servizzi Internazzjonali u Speċjalizzati tal-Aġenzija Federali Ġermaniża għall-Impjiegi (ZAV) f’Nuremberg, li kienet parti mit-tim li kien qed jaħdem fuq il-proġett. F’kollaborazzjoni ma’ żewġ fornituri tal-kura tal-Bavarja – Stiftung Sankt Johannes f’Marxheim-Schweinspoint u Dominikus-Ringeisen-Werk f’Ursberg – Charlotte u l-kollegi tagħha kienu qed ifittxu applikanti minn madwar l-Ewropa biex jitħarrġu bħala persuni li jindukraw persuni bi bżonnijiet speċjali maż-żewġ organizzazzjonijiet.

Dan jgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet lokali, kif tispjega Charlotte. “L-impjegaturi fil-Ġermanja qed jesperjenzaw aktar u aktar diffikultajiet biex jirreklutaw ħaddiema tal-kura kwalifikati biex jindukraw persuni bi bżonnijiet speċjali,” tgħid. “Il-valur miżjud ta’ dan il-proġett huwa li jgħaqqad ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali u l-parteċipanti jirċievu salarju.”

Iż-żjarat mill-impjegaturi joffru impressjoni realistika

Charlotte stiednet lil Alessandria biex tattendi jumejn ta’ reklutaġġ fil-Bavarja fi Frar 2020. Charlotte kienet organizzat il-ġranet ma’ Anja Coenen, Konsulent lokali tal-EURES mill-Aġenzija tal-Impjiegi ta’ Donauwörth.

Fl-ewwel jum, huma pprovdew informazzjoni dwar il-programmi ta’ taħriġ u l-appoġġ disponibbli permezz tal-EURES, inkluż opportunitajiet ta’ finanzjament biex ikopru l-ivvjaġġar, il-korsijiet tal-lingwa u l-ispejjeż ta’ rilokazzjoni. L-applikanti ġew intervistati wkoll mill-impjegaturi prospettivi tagħhom.

Fit-tieni jum, l-applikanti żaru l-bini taż-żewġ organizzazzjonijiet, inkluż l-akkomodazzjoni li l-impjegaturi kellhom jipprovdu. “Dan kien bonus għall-applikanti, minħabba li kisbu impressjoni realistika tal-post tax-xogħol futur tagħhom u tal-ambjent,” tgħid Charlotte.

Nimxu ’l quddiem minkejja l-COVID-19

Il-jiem ta’ reklutaġġ kienu ta’ suċċess kbir, peress li Alessandria u tmien applikanti Ewropej oħra rċevew offerti ta’ impjieg. Sfortunatament, minn dak iż-żmien, il-COVID-19 ġabet magħha sfidi kbar għal kulħadd. B’riżultat ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u regolamenti stretti fis-settur tal-kura, il-bidu tal-proġett iddewwem.

Madankollu, Alessandria u parteċipant ieħor setgħu jmorru l-Bavarja f’Ġunju biex jibdew it-taħriġ tagħhom ma’ Stiftung Sankt Johannes. Il-parteċipanti l-oħra bdew jaħdmu f’Dominikus-Ringeisen-Werk f’Ottubru u bħalissa qed jirċievu taħriġ online bil-lingwa Ġermaniża biex jgħinhom jintegraw.

Tissetilja sew bl-appoġġ

Minkejja ċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu, Alessandria qed tissetilja tajjeb bl-għajnuna tal-impjegatur “tassew dħuli u akkoljenti” tagħha. Hija ġiet megħjuna wkoll permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-EURES permezz tal-iskema Reactivate, li hija użat biex tħallas għall-ivvjaġġar tagħha lejn il-Ġermanja u biex tarma l-akkomodazzjoni tagħha.

“Li nitlaq lil familti u niġi naħdem hawnhekk fil-Ġermanja ma kinitx xi ħaġa faċli,” tgħid hi. “Iżda dak li wassalni biex inkompli nimxi ’l quddiem kienet l-opportunità biex ngħin lill-oħrajn. Inħossni tajba u x-xogħol jogħġobni. Minn dejjem kont inħobb naħdem ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali.”

“Li nitħarreġ u naħdem fil-Ġermanja fl-età tiegħi, f’reġjun sabiħ bħall-Bavarja, qisha bħal ħolma għalija,” tgħid hi. “Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-persunal kollu tal-EURES.”

 

Links relatati:

Reactivate

 

Aqra aktar:

Il-Jiem Ewropej tal-Impjiegi

Drop’pin@EURES

Sib Konsulenti tal-EURES

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi tal-EURES

Il-Bażi tad-Data tal-Impjiegi  tal-EURES

Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi

Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES

Avvenimenti Online li għadhom ġejjin

L-EURES fuq Facebook

L-EURES fuq Twitter

L-EURES fuq LinkedIn

Temi
  • Xejriet ta' reklutaġġ
  • Midja soċjali
  • Stejjer ta' suċċess
  • Żgħażagħ
Sezzjoni(jiet) relatati
Settur
  • Administrative and support service activities
  • Human health and social work activities
  • Other service activities

Ċaħda

L-artikoli huma maħsuba biex jipprovdu lill-utenti tal-portal tal-EURES b'informazzjoni dwar suġġetti u xejriet kurrenti u biex jistimulaw id-diskussjoni u d-dibattitu. Il-kontenut tagħhom mhux bilfors jirrifletti l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) jew tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, EURES u ELA ma japprovawx websajts ta' partijiet terzi msemmija hawn fuq.