Mur għall-kontenut ewlieni
EURES (EURopean Employment Services)
Artiklu tal-aħbarijiet7 Novembru 2017L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni3 min qari

5 pariri għal apprendist jew trainee ġdid

Irċevejt l-ittra (jew email) ta’ aċċettazzjoni. Taf meta se tibda u fejn. Ivverifikajt il-post tax-xogħol il-ġdid tiegħek online biex tkun taf xi trid tagħmel. Issa xi jmiss? Wasal iż-żmien li ssir taf kif tagħmel l-apprendistat jew it-traineeship tiegħek suċċess kbir!

5 tips for a new apprentice or trainee

Ħalli l-ewwel impressjoni tajba

Dan hu l-iktar parir bażiku fil-ktieb, iżda ma jfissirx li hu inqas importanti. L-ewwel impressjonijiet huma instantanji u jieħdu ż-żmien biex jinbidlu, allura agħmel ċert li int tkun ippreparat/a sew biex tħalli impressjoni tajba.

Aħseb dwar dak li int liebes/liebsa - huwa xieraq għall-post tax-xogħol tiegħek? L-individwaliżmu hu tajjeb fil-ħajja personali tiegħek, iżda dan jista’ ma jkunx dak li qed ifittxu l-kollegi tiegħek u l-maniġment. Aħseb dwar ir-rutina ta’ filgħodu tiegħek - din tagħtik biżżejjed ħin biex tagħmel dak kollu li għandek bżonn tagħmel? Xejn ma juri nuqqas ta' interess aktar milli tasal tard għax-xogħol. Żomm affarijiet bħal dawn f’moħħok u jirnexxielek tibda l-apprendistat jew it-traineeship tiegħek fuq sieq tajba.

Tgħallem minn ħaddieħor

Int tista’ tiġi assenjat/a mentor jew maniġer biex jiggwidak fl-apprendistat jew it-traineeship tiegħek. Int tista’ tkun parti minn tim li jikkondividi dan ir-rwol bejn il-membri tiegħu. Ikun xi jkun il-każ, il-kollegi tiegħek huma minjiera tad-deheb f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim mhux biss dwar l-approċċ lejn ix-xogħol, iżda wkoll dwar kif taġixxi fuq il-post tax-xogħol. Segwi l-eżempju tagħhom u m’għandekx tmur ħażin.

Qassam il-ħin tiegħek b’mod effettiv

Jista’ jkun li l-apprendistat jew it-traineeship tiegħek jinvolvi l-istudju kif ukoll ix-xogħol. Jekk dak ikun il-każ, allura trid issib bilanċ tajjeb bejn it-tnejn. Tiffokax wisq fuq wieħed għad-detriment tal-ieħor - it-tnejn huma importanti b’mod ugwali u għandhom rwol x’jilagħbu fil-futur tiegħek. Tista’ tkun xi ħaġa tajba li żżomm djarju jew aġenda aċċessibbli faċilment (jew fuq il-mowbajl tiegħek jew f'forma fiżika) li inti tista’ tuża biex tippjana u żżomm kont tal-ħin tiegħek. Il-post tax-xogħol tiegħek għandu jkun jista’ jgħinek b’dan kollu, allura kun żgur li żżommu infurmat.

Uri l-entużjażmu tiegħek

Tkun liema tkun il-kumpanija li ngħaqadt magħha, hu importanti li turi attitudni pożittiva u rieda li tinvolvi ruħek f’kull ma jkun hemm bżonn - kemm jekk tkun fid-deskrizzjoni tax-xogħol tiegħek kif ukoll jekk le. Dan mhux biss jimpressjona lill-kollegi tiegħek; iżda jista’ jwasslek ukoll biex tkun involut/a fi proġetti iktar eċċitanti fil-futur. Għalhekk żomm tbissima fuq fommok, anki jekk qed tħossok nervuż/a, u tibżax li taqsam il-ħsibijiet u l-ideat tiegħek meta jkun xieraq. Li tkun parti minn tim ifisser kollaborazzjoni u l-opinjoni tiegħek hi valida daqs ta’ kwalunkwe peruna oħra!

Sib pass li hu tajjeb għalik

Kulħadd jaħdem b’pass differenti u ladarba x-xogħol jitlesta bi standard għoli u jiġu ssodisfati l-iskadenzi, kollox ikun sew - aħna kollha għandna l-mod uniku tagħna ta’ kif nindirizzaw il-kompiti. Hu importanti li tkun taf dak li hu tajjeb għalik u ma tħossokx taħt pressjoni biex tgħaġġel jew li titgħabba żżejjed. Il-mentor, il-maniġer jew il-kollegi tiegħek għandhom ikunu kapaċi jgħinuk tistabbilixxi l-istil ta’ xogħol tiegħek stess u jiżguraw li dan jaqbel mal-ħtiġijiet tal-kumpanija. U jekk xi darba tħossok li qed titgħabba wisq, kellimhom dwar dan - wara kollox għalhekk qegħdin hemm!

U għalhekk dawn huma - l-aqwa pariri tagħna biex jgħinuk issib postok f’apprendistat jew traineeship ġdid. Ħarisna lejn apps li jistgħu jgħinuk biex tilħaq effettività massima fuq ix-xogħol, allura ara li tara dawn l-artikoli biex jgħinuk ħalli tkun ippreparat/a b’mod sħiħ għall-avventura l-ġdida tiegħek. Awguri!

 

Aqra aktar:

Jiem l-Impjiegi Ewropej

Drop’pin@EURES

Sib Konsulent tal-EURES

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES

Il-Bażi ta’ Data tal-Impjiegi tal-EURES

Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi

Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES

Avvenimenti Online li ġejjin

L-EURES fuq Facebook

L-EURES fuq Twitter

L-EURES fuq LinkedIn

L-EURES fuq Google+

Temi
  • Negozju/Intraprenditorija
  • Żgħażagħ
Sezzjoni(jiet) relatati
  • Ideat u Suġġerimenti
  • Taħriġ

Ċaħda

L-artikoli huma maħsuba biex jipprovdu lill-utenti tal-portal tal-EURES b'informazzjoni dwar suġġetti u xejriet kurrenti u biex jistimulaw id-diskussjoni u d-dibattitu. Il-kontenut tagħhom mhux bilfors jirrifletti l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) jew tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, EURES u ELA ma japprovawx websajts ta' partijiet terzi msemmija hawn fuq.