Artikolu dwar tiftix ta’ impjieg fuq il-midja soċjali ma jistax jibda mingħajr ma wieħed jitkellem dwar LinkedIn. Imniedi fl-2002, is-sit huwa mfassal speċifikament għal netwerking professjonali u r-reklutaġġ. Hemm varjetà ta’ għodod u karatteristiċi offruti, u aħna għażilna wħud mill-favoriti tagħna.
Idħol fi gruppi: Xi ħaġa ovvja, iżda post loġiku fejn wieħed għandu jibda. Hemm aktar minn 1.7 miljun grupp fuq LinkedIn, iddedikati mhux biss għal kumpaniji individwali iżda anke għal netwerking, organizzazzjonijiet u temi speċifiċi. Li tissieħeb fi grupp se jagħtik aċċess għal esperti, persuni li għandhom l-istess interessi jew ideat u forsi anke impjegaturi potenzjali.
Fittex impjieg: It-tiftix għal impjieg ta’ LinkedIn jopera b’mod simili għal ħafna magni tat-tiftix tal-impjiegi oħrajn fis-sens li tista’ tfittex għal rwoli miftuħin u tapplika għalihom. Flimkien mal-għażla ta’ tiftix manwali, is-sit se jirrakkomanda wkoll impjiegi lilek skont il-profil tiegħek u l-interessi tal-karriera (ara hawn taħt). Din tista’ tkun shortcut tajba għal pożizzjonijiet interessanti mtellgħin direttament mill-impjegaturi.
Attiva l-interessi tal-karriera tiegħek: Din tinsab taħt il-buttuna “Jobs” (Impjiegi) u tħallik tgħid lil min qed jirrekluta li qiegħed tfittex impjieg. Tista’ tispeċifika affarijiet bħal impjiegi li int interessat fihom, postijiet, tipi ta’ kuntratt, industriji u dati ta’ bidu. Attiva l-għażla tal-interessi tal-karriera u imla l-informazzjoni b'mod kemm jista’ jkun komplet possibbli sabiex turi l-interess tiegħek lil impjegaturi potenzjali.
Approva l-ħiliet tiegħek: Huwa faċli li tikteb lista ta’ ħiliet, iżda impjegatur normalment m’għandux mod kif jiġġudika kemm hija preċiża din il-lista. Huwa hawn fejn tidħol l-għodda tal-approvazzjonijiet, Ħiliet approvati jirriflettu aktar minn sempliċiment l-opinjoni tiegħek, filwaqt li jipprovdu livell addizzjonali ta’ assigurazzjoni għal min qed jirrekluta.
Hemm madwar 500 miljun tweet mibgħuta kuljum fuq Twitter, li jagħmluh sors għani ta’ informazzjoni, l-aħħar tendenzi u aħbarijiet. Huwa wkoll post tajjeb ħafna sabiex tfittex opportunitajiet ta’ impjieg, partikolarment jekk tħobb tfittex waqt li tagħmel affarijiet oħrajn.
Segwi l-hashtags: Ħafna minn dawk li qed jirreklutaw jużaw hashtags meta jirreklamaw pożizzjonijiet miftuħin fuq Twitter. Tiftixa ta’ malajr u regolari għal hashtags bħal #job – u oħrajn aktar speċifiċi, jekk qed tfittex kumpanija jew rwol partikolari – se jġibu l-opportunitajiet direttament quddiemek.
Segwi lill-mexxejja: Kull industrija għandha l-kumpaniji mexxejja u l-influwenzaturi tagħha. Li ssegwi lil dawn il-persuni u organizzazzjonijiet mhux biss jespandi n-netwerk tiegħek, iżda jagħtik aċċess immedjat għall-aktar tweets reċenti tagħhom.
Immira t-tweets tiegħek: Li titfa’ tweet dwar industrija jew suġġett partikolari huwa mod faċli sabiex turi l-interess tiegħek. Tista’ tinduna li dan huwa mod kif iżżid ukoll aktar segwaċi rilevanti, jew tidentifika kontijiet li għandek issegwi.
Fittex impjieg: Filwaqt li Twitter m’għandux funzjoni ta’ tiftix għal impjieg klassiku mibnija fih bħal LinkedIn, siti bħal Jobs By Twitter u Twit Job Seek jistgħu jgħinu. Sempliċiment segwi l-istruzzjonijiet fuq dawn is-siti sabiex tfittex l-opportunitajiet ta’ impjieg li jinteressawk.
Facebook probabbilment huwa l-anqas ovvju mis-siti tan-netwerking soċjali fir-rigward tat-tiftix għal impjieg, iżda dan ma jfissirx li m’għandu xejn x’joffri. Xorta għadu l-akbar u l-aktar sit ta’ netwerking soċjali użat fid-dinja, b’medja ta’ kważi 1.5 biljun utent attiv kuljum. Żid il-fatt li aktar minn 60 miljun negozju għandhom paġna fuq Facebook u s-sit aktar milli jiġġustifika l-preżenza tiegħu fuq din il-lista.
Espandi n-netwerk tiegħek: L-aktar pass bażiku fuq Facebook huwa li tissieħeb ma’ gruppi rilevanti u tagħmel “like” fuq il-paġni ta’ persuni u kumpaniji li jinteressawk. Dan se jagħtik aċċess immedjat għall-aktar aħbarijiet u leads reċenti tagħhom kollha għal impjiegi. Tista’ anke taġġusta s-settings tal-kont tiegħek sabiex tiżgura li tirċievi emails ta’ notifikazzjoni kull meta dawn jitfgħu xi ħaġa sabiex tiżgura li ma titlifx opportunitajiet.
Oħloq profil iddedikat għat-tiftix ta’ impjieg: Jekk tixtieq tagħmel pass 'il quddiem ieħor, jista’ jkun tajjeb li toħloq profil “professjonali” kompletament ġdid. Dan jippermetti li jkollok spazju nadif fejn int tista’ tbigħ it-talenti tiegħek, filwaqt li jkollok ukoll spazju personali fejn tista’ tkompli titfa’ ritratti tal-vaganzi u memes tad-daħk.
Pariri ġenerali
Żomm il-profil tiegħek aġġornat: Tkun xi tkun il-pjattaforma ta’ midja soċjali li tiddeċiedi li tuża, il-profil tiegħek huwa b'saħħtu biss daqs l-informazzjoni li fih. Żomm il-profil dettaljat, rilevanti u aġġornat sabiex timmassimizza l-potenzjal ta’ reklutaġġ tiegħek.
Ibqa’ professjonali: Il-midja soċjali tinkoraġġixxi ċertu livell ta’ informalità. Dan huwa tajjeb meta tkun qiegħed titkellem mal-ħbieb, iżda dawk li jirreklutaw se jkunu qed ifittxu xi ħaġa ftit aktar professjonali. Aħseb dwar min hi l-udjenza tiegħek u kif għandek tindirizzaha qabel ma tagħfas il-buttuna “submit” (ibgħat). U ftakar li s-siti tal-midja soċjali għandhom memorja twila – tispiċċax iddispjaċut għal xi ħaġa li tfajt ħames snin ilu!
Hemm huma: l-aqwa pariri tagħna għall-użu tal-midja soċjali fit-tiftix għal impjieg tiegħek. Issa f’idejk li tmur hemm barra u tagħmel użu tajjeb minn dawn il-pariri. Nawgurawlek!
L-artiklu sar fi sħubija mal-EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol.
Links relatati:
Aqra aktar:
Kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien fil-pajjiżi tal-EURES
Id-database tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Onlineli ġejjin
L-EURES fuq Facebook
L-EURES fuq Twitter
L-EURES fuq LinkedIn
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 18 April 2019
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Ideat u SuġġerimentiMidja soċjaliŻgħażagħ
- Settur
- Accomodation and food service activitiesActivities of extraterritorial organisations and bodiesActivities of households as employers, undifferentiated goods- and servicesAdministrative and support service activitiesAgriculture, forestry and fishingArts, entertainment and recreationConstructionEducationElectricity, gas, steam and air conditioning supplyFinancial and insurance activitiesHuman health and social work activitiesInformation and communicationManufacturingMining and quarryingOther service activitiesProfessional, scientific and technical activitiesPublic administration and defence; compulsory social securityReal estate activitiesTransportation and storageWater supply, sewerage, waste management and remediation activitiesWholesale and retail trade; repair of motor vehicles and motorcycles