X’jista’ jagħmel għalik l-EURES?
L-EURES jgħin lill-persuni li qed ifittxu impjieg biex isibu impjiegi u lill-impjegaturi biex jirreklutaw minn kwalunkwe pajjiż fl-Ewropa
L-EURES jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi lill-persuni Ewropej kollha li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi – qabel, matul u wara t-tfittxija u r-reklutaġġ tagħhom għal impjieg/kandidat.
Jindirizza kull aspett tal-ħajja u tax-xogħol barra mill-pajjiż, mill-għoti ta’ gwida għall-karriera, ir-reviżjoni u t-traduzzjoni tas-CVs, l-analiżi tal-offerti, u l-iffaċilitar tal-vidjokonferenzi għall-intervisti, għall-għoti ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol Ewropew, l-għoti ta’ pariri legali u dwar is-sigurtà soċjali, l-organizzazzjoni ta’ fieri tal-impjiegi, u l-għoti ta’ pariri dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ, it-tagħlim tal-lingwi u l-opportunitajiet ta’ finanzjament – biex insemmu biss ftit minnhom!
Tista’ tibda billi tikkonsulta l-portal tal-EURES jew in-network uman vast ta’ aktar minn 1 000 Konsulent tal-EURES li jaħdmu fil-270 organizzazzjoni Membru u Sħab tal-EURES.
Kemm jekk inti impjegatur kif ukoll jekk inti persuna li qed tfittex impjieg, is-servizzi tal-EURES jinkludu:
- Provvista ta’ bażi tad-data Ewropea kbira ta’ 3 miljun post tax-xogħol vakanti u 1 miljun CV fuq il-portal tal-EURES;
- Tqabbil ta’ postijiet tax-xogħol vakanti u CVs;
- Għall-persuni li qed ifittxu impjieg, il-portal tal-EURES ma jipprovdix l-elenkatur tas-CV tiegħu stess. Minflok, nirrakkomandaw li tikkonsulta s-servizz pubbliku lokali tal-impjiegi (PES) tiegħek biex tgawdi s-servizzi tal-EURES, jew, inkella tagħmel is-CV tiegħek fl-Europass biex ikollok aċċess għal għodod biex tirrifletti dwar il-ħiliet tiegħek, issib taħriġ jew opportunitajiet ta’ impjieg, tħejji applikazzjonijiet għal impjieg, u taħżen il-kredenzjali diġitali;
- Informazzjoni u gwida u servizzi oħra ta’ appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi;
- Aċċess għal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi tal-EURES, bħal tassazzjoni, pensjonijiet, assigurazzjoni tas-saħħam is-sigurtà soċjali u oħrajn;
- Appoġġ għal avvenimenti ta’ reklutaġġ dinamiku permezz tal-pjattaforma tal-Jiem Ewropej tal-Impjiegi (Online);
- Informazzjoni dwar u aċċess għal għajnuna wara r-reklutaġġ, bħal taħriġ fil-lingwa u appoġġ bl-integrazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni;
- Servizzi speċifiċi ta’ appoġġ għall-ħaddiema tal-fruntieri u għall-impjegaturi f’reġjuni transkonfinali;
- Appoġġ lil gruppi speċifiċi fil-kuntest tal-Iskema ta’ Mobilità Mmirata tal-EURES.