Ir-reġjuni tal-fruntieri interni tal-UE jkopru 40% tat-territorju tal-UE u jospitaw kważi 2 miljun ħaddiem transfruntier. Skont l-aħħar rapport dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol intra-UE, aktar minn 1.3 miljun persuna fl-UE għexu f’pajjiż wieħed u ħadmu f’ieħor.
Madankollu, il-ħaddiema transfruntieri jistgħu jiffaċċjaw numru ta’ ostakli fuq bażi ta’ kuljum, bħal prattiki nazzjonali differenti, sistemi tas-sigurtà soċjali, regoli tat-tassazzjoni u sistemi legali. Barra minn hekk, it-trasport pubbliku spiss ikun anqas żviluppat f’reġjuni transfruntieri meta mqabbel mat-trasport fil-pajjiż, u dan ikompli jimpedixxi l-kapaċità tan-nies li jaħdmu barra minn pajjiżhom fl-UE.
L-EURES jgħin lill-ħaddiema transfruntieri jegħlbu dawn l-ostakli billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għas-sħubijiet transfruntieri, taħt il-kappa tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +).
F’dawn is-sħubijiet, il-membri u s-sħab tal-EURES jaħdmu flimkien bejn il-fruntieri biex iżidu l-kapaċità tal-ħaddiema li jaħdmu barra mill-pajjiż u tal-impjegaturi biex jippermettu dan. L-organizzazzjonijiet li mhumiex parti min-network tal-EURES jistgħu jipparteċipaw ukoll jekk ikunu jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward. Is-sħab normalment jinkludu servizzi pubbliċi tal-impjiegi, gruppi ta’ min iħaddem, u organizzazzjonijiet bħal universitajiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju, trade unions u kmamar tal-kummerċ.
Fl-2022 u fl-2023, 7 sħubijiet transfruntieri, li jinvolvu 9 pajjiżi, jirċievu finanzjament mill-FSE+. Barra minn hekk, numru ta’ sħubijiet oħrajn huma attivi mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE.
Is-sħubijiet transfruntieri appoġġjati mill-FSE+ jidhru hawn taħt. Ikklikkja l-links biex issir taf aktar dwar is-sħubijiet u l-attivitajiet u s-servizzi tagħhom li għaddejjin bħalissa, jew biex titlob aktar informazzjoni jew appoġġ:
- Spanja u l-Portugall
- Franza u l-Ġermanja
- L-Italja u s-Slovenja
- Il-Belġju u n-Netherlands
- Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u l-Lussemburgu
L-għan ġenerali tas-sħubijiet hu li jaqsmu l-informazzjoni u l-pariri għal dawk li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi dwar ix-xogħol u r-reklutaġġ/l-impjieg bejn il-fruntieri, joffru opportunitajiet ta’ kollokament u jipprovdu servizzi ta’ qabel u wara r-reklutaġġ.
Gruppi ta’ esperti huma disponibbli biex jappoġġjaw lill-ħaddiema f’kull stadju tal-karriera tagħhom u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija li jista’ jkollhom dwar il-prattikalitajiet tax-xogħol bejn il-fruntieri.
Is-sħubijiet jimmonitorjaw ukoll il-flussi tal-ħaddiema bejn il-fruntieri rispettivi tagħhom u l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol, u jidentifikaw ostakli li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol transfruntier reġjonali.
Kull sena, is-sħubijiet iwettqu bosta attivitajiet b’appoġġ kemm għal dawk li qed ifittxu impjieg kif ukoll għal min iħaddem.
Għal aktar pariri dwar opportunitajiet ta’ xogħol fir-reġjun tiegħek, fittex Konsulenti tal-EURES permezz ta’ sħubija transfruntiera.